|
|

|
Dwar Carlo Farrugia
|
Carlo Farrugia twieled fl-1960. Beda jaħdem mall-Bank Ċentrali ta’ Malta fl-1979 u fis-snin fi ħdan il-bank is-Sur Farrugia ħadem ġo uffiċċji differenti fl-istruttura ta’ l-istess bank. Fl-1 ta’ Jannar 2002 huwa mar jaħdem ma’ l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta meta din l-istituzzjoni ħadet ir-responsabbilità tar-supervizjoni u regolamentazzjoni tas-settur bankarju. Fl-Lulju 2004 is-sur Farrugia ġie mogħti sfida ġdida biex joħloq l-Uffiċċju ta’ l-Informazzjoni fi ħdan l-Awtorità. Huwa mexxa dan l-uffiċċju sa Mejju 2007 meta rriżenja mill-Awtorità biex jibda jaħdem fil-Grupp ta’ kumpaniji tal-Middlesea bħala Segretarju tal-Kumpaniji u Uffiċjal għall-Konformità.
Fuq livell akkademiku, is-sur Farrugia għandu lawrja fil-Management Ġenerali minn Maastricht li ġab b-distinzjoni. F’Ottubru 2003 huwa kompla bl-istudji tiegħu meta ipparteċipa fl-ewwel kors għat-tradutturi u interpreti mniedi mill-Università ta’ Malta u ġab it-tieni lawrja f’Novembru 2005. Hawnhekk kompla għal sena oħra sabiex jilħaq Masters fit-Traduzzjoni u Interpretazzjoni li ġiet mogħtija lis-sur Farrugia f’Novembru 2006 mill-Università ta’ Malta. Huwa ħa sehem f’kors għall-interpreti li ġie organizzat fi Brussel bejn Settembru u Ottubru 2006 mid-Direttorat Ġenerali ta’ Interpretazzjoni.
Is-sur Farrugia ħadem fuq l-ewwel Dizzjunarju għas-Servizzi Finanzjarji li ġie ippubblikat f’Diċembru 2006. Dan id-dizzjunarju fih ġabra ta’ terminoloġija, bl-Ingliż u bil-Malti, li hija użata fl-industrija tas-servizzi finanzjarji flimkien mat-tifsira ta’ kull terminu. F’April 2006 is-sur Farrugia ġie mistieden, fil-Lussemburgu bħala kelliem ewlieni, biex jispiega l-għodda u l-għażliet magħmula biex jitlesta l-istess dizzjunarju lit-tradutturi Maltin li qegħdin jaħdmu hemm. Din l-istedina kienet sponsorjata mill-Kummissjoni Europea. Fl-Lulju 2007 il-websajt ġdida għat-terminoloġija tas-serivzzi finanzjarji ġiet maħluqa. Din issa fiha iżjed minn 4,000 terms, meta mqabbla ma’ 1,600 tad-dizzjunarju li ħareġ f’Diċembru. Barra minn hekk il-websajt fiha t-terminoloġija bit-Taljan.
Is-sur Farrugia huwa membru eżekuttiv ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Parteċipanti ta’ l-Akkademja Olimpika Internazzjonali fil-Greċja, u kiteb ħafna artikli fuq il-familja Olimpika. Huwa ġie mistieden minn bosta Akademji Olimpiċi f’ħafna pajjiżi bħala kelliem u ħa sehem bħala voluntier fil-logħob Olimpiku ta’ Sydney 2000, Athens 2004 u Torino 2006. Hu mexxa t-tim nazzjonali tal-baskitbol tan-nisa bħala kowċ għal bosta snin u rebaħ il-midlaja tad-deheb waqt il-Loghob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Malta fl-2003.
|
Lura 'L Fuq
|

|
|